Azzjoni Kattolika
Maltija

Fulton Sheen

Fiż-żmien meta t-televiżjoni kien għadu mezz ġdid li ħafna kienu jħarsu lejh b’suspett, deher saċerdot Kattoliku, wieqaf quddiem lavanja, mingħajr effetti speċjali jew spettaklu. B’vuċi ċara, intelliġenza straordinarja u sens ta’ umoriżmu fin, Fulton J. Sheen irnexxielu jwassal il-veritajiet tal-fidi Nisranija fid-djar ta’ miljuni ta’ nies.

Nhar l-24 ta’ Settembru 2026, il-Knisja  iddikjaratu Beatu waqt Quddiesa fil-belt ta’ St Louis, fl-Istati Uniti. Il-beatifikazzjoni tiegħu se tkun rikonoxximent mhux biss tal-virtujiet personali tiegħu, iżda wkoll tal-qawwa tal-evanġelizzazzjoni meta l-mezzi ta’ komunikazzjoni jitqiegħdu għas-servizz tal-verità.

Fulton John Sheen twieled f’El Paso, Illinois, fl-1895 u ġie ordnat saċerdot fl-1919. Wara studji avvanzati fil-filosofija u fit-teoloġija, beda jitgħallem fl-Università Kattolika tal-Amerika. Madankollu, il-missjoni tiegħu ma kinitx li tibqa’ magħluqa bejn l-erba’ ħitan tal-università. Huwa fehem li l-Knisja kellha tkun preżenti proprju fejn il-bniedem modern kien qed jisma’, jara u jifforma l-opinjonijiet tiegħu.

L-ewwel, permezz tar-radju, u mbagħad, bit-televiżjoni, Sheen sar wieħed mill-aktar predikaturi magħrufa tas-seklu għoxrin. Il-programm tiegħu, ‘Life is Worth Living’, kien segwit minn udjenzi enormi. Hawnhekk, Sheen kien jitkellem dwar Alla, il-kuxjenza, iż-żwieġ, il-familja, it-tbatija, il-komuniżmu u l-kriżi spiritwali tal-bniedem modern. Huwa kien jemmen li ħafna mill-problemi tas-soċjetà ma kinux sempliċiment politiċi jew ekonomiċi. Fl-għeruq tagħhom kien hemm kriżi fil-qalb tal-bniedem: il-bniedem kien qiegħed jipprova jibni dinja mingħajr Alla iżda, fl-istess ħin, ma setax jeħles mill-għatx tiegħu għall-eternità.

Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-messaġġ tiegħu għadu attwali. Is-soċjetà tagħna għandha mezzi ta’ komunikazzjoni ferm aktar b’saħħithom minn dawk li kellu Sheen, iżda mhux neċessarjament għandha aktar għerf. Qatt ma kellna daqstant informazzjoni, iżda, ħafna drabi, insibuha diffiċli nagħrfu l-verità. Għandna mijiet ta’ mezzi biex nikkomunikaw, iżda ħafna nies xorta waħda għadhom iħossuhom waħedhom.

Sheen kien jifhem li l-evanġelizzazzjoni ma tfissirx biss li wieħed jirbaħ argument. Tfisser li wieħed iwassal persuna biex tiltaqa’ ma’ Kristu. Il-kapaċità tiegħu li jitkellem kienet mibnija fuq ħajja profonda ta’ talb. Għal għexieren ta’ snin huwa żamm il-wegħda li jqatta’ siegħa kuljum quddiem Ġesù fl-Ewkaristija. Din is-”Siegħa Qaddisa” kienet għalih, is-sors tal-ministeru kollu tiegħu.

Hawnhekk insibu s-sigriet tal-ħidma tiegħu. Sheen ma kienx sempliċiment personalità brillanti tat-televiżjoni. Qabel kollox, kien saċerdot Ewkaristiku. Kellu wkoll devozzjoni kbira lejn il-Madonna. Għalih, Marija dejjem tmexxi lill-bniedem lejn Binha. L-ispiritwalità tiegħu kienet, għalhekk, għalkollox Kattolika: Ewkaristika, Marjana, missjunarja u marbuta mal-fedeltà lejn il-Knisja.

Il-beatifikazzjoni tiegħu għandha tkun stedina biex il-Kattoliċi tal-lum jerġgħu jiskopru l-appostolat tal-kelma. Il-fidi ma tistax tinżamm bħala xi ħaġa privata jew moħbija. Għandha tiġi mxandra b’kuraġġ, iżda wkoll bil-karità u bl-intelliġenza. Sheen jurina li wieħed jista’ jiddefendi l-verità mingħajr mibegħda, jitkellem b’mod ċar mingħajr arroganza u juża l-mezzi moderni mingħajr ma jsir ilsir tagħhom.

Meta Fulton J. Sheen ġie ddikjarat Beatu, il-Knisja mhijiex se tonora biss predikatur famuż tal-imgħoddi. Imma qegħda tippreżentalna mudell u leħen qawwi li qatt ma nesa li l-aktar kelma importanti mhijiex tiegħu, iżda dik ta’ Kristu.