Azzjoni Kattolika
Maltija

Bejn il-11 u t-13 ta’ Settembru, iż-ŻAK ospitat kors ta’ taħriġ għall-mexxejja żgħażagħ bl-isem ta’ ‘Making a Difference in the World’, li laqqa’ flimkien parteċipanti minn Malta, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u l-Irlanda. Il-programm, iffinanzjat mill-Erasmus+, kien organizzat bħala opportunità ta’ formazzjoni, skambju ta’ esperjenzi u riflessjoni dwar ir-rwol taż-żgħażagħ fil-Knisja, fis-soċjetà u fil-ħidma maż-żgħażagħ.

Il-parteċipanti bdew il-kors billi saru jafu lil xulxin u qasmu l-esperjenzi tagħhom mill-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet rispettivi tagħhom. Wara kien hemm Quddiesa fejn saret riflessjoni fuq is-silta li spirat dan it-taħriġ: Luqa 10, 1-9. Din ir-Riflessjoni għenet liż-żgħażagħ jifhmu l-missjoni tagħhom bħala lajċi fi ħdan il-Knisja. Permezz tal-preżentazzjonijiet tal-pajjiżi, kull delegazzjoni kellha l-opportunità tirrakkonta mumenti importanti mill-istorja tal-fidi f’pajjiżha, kif ukoll mill-istorja u l-ħidma tal-organizzazzjoni tagħha. 

Din l-esperjenza wriet ir-rikkezza li tinsab fid-diversità tal-kulturi u r-realtajiet ekkleżjali Ewropej.

Parti importanti mit-taħriġ kienet marbuta mal-istorja tal-fidi f’Malta. Il-grupp mar ir-Rabat, fejn kellu l-opportunità jżur il-Grotta u l-Katakombi ta’ San Pawl. Dawn iż-żjarat servew biex il-parteċipanti jirriflettu dwar kif il-fidi waslet f’pajjiżna u kif, permezz tal-ħajja u l-ħidma tal-komunitajiet, tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Saret ukoll Quddiesa fil-Bażilika ta’ San Publju.

It-taħriġ iffoka wkoll fuq il-vokazzjoni tal-lajċi u r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Il-parteċipanti ġew mfakkrin fuq diversi qaddisin mid delegazzjoni taghhom u, fl-aħħar, irriflettew fuq l-eżempju tal-Beatu Alberto Marvelli u ddiskutew kif il-ħidma maż-żgħażagħ tista’ tkun kontribut konkret għall-Knisja u għas-soċjetà. Il-mistoqsija dwar jekk il-ħidma maż-żgħażagħ hijiex sempliċement attività jew logħba wasslet għal riflessjoni dwar il-valur u l-impatt tagħha fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u l-komunità usa’.

Il-programm inkluda wkoll mumenti ta’ riflessjoni personali. Il-parteċipanti ġew mistiedna jagħrfu x’jista’ jfixkilhom fil-ħidma tagħhom u x’jista’ jgħinhom jimxu ’l quddiem. Din il-ħidma wasslet għal riflessjoni dwar l-esperjenzi, in-nies u l-appoġġ li jsibu li jsawru l-vjaġġ tagħhom bħala mexxejja żgħażagħ. 

Fl-aħħar jum, il-parteċipanti rriflettaw fuq kif is-Sagramenti huma għajnuna konkreta fil-mixja tal-fidi tagħna. Wara, iddiskutew ukoll opportunitajiet għal skambji taż-żgħażagħ permezz tal-programm Erasmus+ u modi konkreti kif l-organizzazzjonijiet involuti jistgħu jkomplu jikkollaboraw fil-futur.

Il-programm intemm b’Quddiesa u, fl-aħħar, il-parteċipanti, hekk kif għamlu l-appostli, intbagħtu lura fil-komunitajiet tagħhom biex ikomplu jwettqu l-missjoni tagħhom fil-pajjiżi u komunitajiet tagħhom.