Ġuvni ta’ 24 sena li, flimkien ma’ missieru kien sejjer id-dar, kien qed iħares ’il barra mit-tieqa tal-karozza tal-linja. F’daqqa waħda għajjat, “Ara pa, is-siġar qed imorru lura!”.
Il-missier tbissem. Imma kien hemm koppja warajhom li bdew iħarsu lejn dan il-ġuvni u jitħassruh. F’qalbhom bdew jaħsbu x’ħasra kien fih dak il-ġuvni. Kien qed iġib ruħu bħal tifel żgħir, jifraħ mix-xejn qisu qatt ma ra xejn.
Ftit wara l-ġuvni reġa’ għajjat, “Pa, ħares lejn is-sħab qed jiġri magħna.” Il-mara ma felħitx aktar tara dak il-ġuvni b’moħħ ta’ tifel żgħir. Daret fuq il-missier u bdiet titkellem miegħu. Qaltlu, “Ġuvni bħal dan, għax ma tiħdux għand tabib tajjeb?”
Ir-raġel tbissem u weġibha, “Fil-fatt hekk għamilt sinjura. Għadna ġejjin mill-isptar. Ibni kien agħma mit-twelid u, proprju llum, it-tabib ġabu jara għall-ewwel darba!”
...