Il-Knisja Kattolika f’pajjiżna qegħda tħabbat wiċċha ma’ diversi sfidi, dovuti primarjament għal taqlib kulturali ta’ kull xorta. Xi wħud sikwit jistaqsu: “X’nistgħu nagħmlu biex nerġgħu rressqu n-nies lejn il-Knisja?” Nemmen li rridu nfittxu primarjament xi jrid Alla u mhux sempliċement nakkomodaw lin-nies.
Il-Knisja mhijiex ħanut li trid tikkuntenta lill-klijentela għax inkella ma tbigħx. Il-Knisja hija l-komunità ta’ dawk il-persuni li laqgħu lil Kristu fil-ħajja tagħhom u qegħdin joffru ħajjithom għall-glorja ta’ Alla u għas-salvazzjoni tad-dinja. Għaldaqstant, in-Nisrani huwa mistenni li jkun id-dawl u l-melħ tad-dinja, kif jitlob minna Alla l-Imbierek.
Fidi ‘do it yourself’
It-twemmin u l-għajxien tal-fidi sar ‘do it yourself’, jiġifieri ngħix il-fidi skont kif naħsibha jien. Jekk għalija l-qrar u t-taħriġ fil-virtujiet mhumiex importanti, allura mhumiex importanti. Jekk jien nagħmel il-flus alla tiegħi u nemmen li, b’daqshekk, mhu qed nagħmel xejn ħażin, allura kollo...